Aphroconfuso

Aphroconfuso

By AphroconfusoArtsBooks
Download on the App Store

Aphroconfuso episodes

  • Noti Editorjali: Noah Fabri

    « Naħseb l-ikel dejjem ħa jkun importanti f’ħajti u dejjem jibqa’ xi ħaġa essenzjali fil-ħsieb tiegħi jew fil-prattika tiegħi għax iżommli saqajja mal-art. U fl-ikel hemm il-kwistjonijiet kollha politiċi li jinteressawni: tal-ġisem, tal-ġeneru, ta’ kif jiżvolġu dawn in-networks tal-kolonjaliżmu, l-ekonomija, il-kapitaliżmu. Fl-ikel hemm kollox. Jiġifieri naħseb li dejjem, b’xi mod jew ieħor, ħa jkun hemm lenti tax-xogħol tiegħi li ħa tħares lejn l-ikel. Bħalissa qed naħseb fuq xi proġetti wkoll li jinvolvu b’mod aktar dirett l-ikel, l-idea ta’ tip ta’ performances li kont qed nagħmel kull darba li Bobb isaqsini. Qishom bdew ġejjin dawn l-ideat fuq dan il-proġett dwar l-ikel, u jkun sabiħ niżviluppawhom b’xi mod daqsxejn aktar teatrali, b’mod daqsxejn aktar meħjut bil-lenti tal-performance. Insalata kienet pjuttost diskursata, essenzjalment kienet diskursata u jiena qed nagħmel insalata fl-istess ħin. Naħseb jekk indaħħlu element aktar performattiv, aktar teatrali fiha, hemm possibbiltà pjuttost qawwija. Insalata kienet interessanti għax speċi kienet jien nitkellem b’mod relattivament teoretiku fuq l-ikel u fuq dawn l-affarijiet, dawn l-ideat li jeċitawni ħafna. Kont qed nikkwota l-awturi, jiġifieri kienet relattivament teoretika. Imma meta kont nasal fuq il-biċċa personali, li għalija kienet teżisti fuq l-istess skala tat-teorija, wara ġew ħafna nies fuqi jgħiduli grazzi talli qsamtha magħna. Veru ħassejtni emozzjonata. Jien lanqas kont ħsibt fil-possibbiltà li din tkun biċċa xogħol li temozzjona lin-nies. Issa din mhix xi ħaġa li tista’ tagħmilha b’mod intenzjonali, li speċi tasal għaliha bi żball. Jien dejjem emmint li, biex taffettwa l-moħħ imma wkoll speċjalment il-qalb ta’ udjenza u vera tgħinhom jidħlu f’xi ħaġa, trid tagħmilha kważi bi żball u bl-aktar mod kwiet u understated possibbli... Il-mużika tiġi minn xi mkien ieħor. Fil-lirika hemm element simili imma peress li issa qed nikteb, u qed niffoka aktar fuq il-kitba (u mhux il-kitba tal-lirika), għadni ma rġajtx sibt vuċi oħra tal-lirika li jien komdu biha. Għax il-lirika li kont qed nieħu gost nikteb kienet vera bbażata fuq il-ħajja ta’ kuljum; jien nosserva xi ħaġa u dak li nikteb ikun direttament importat minn dak li nara fit-triq. Nikteb fuq il-mobile u litteralment dak li nikteb isir il-lirika kważi bla bidla ta’ xejn. Dawn in-noti issa saru noti għal kitbiet oħra jiġifieri għadni ma sibtx eżatt x’inhu t-ton tal-lirika tiegħi u ma nafx fejn ħa jmur u għandi kurżità kbira x’ħa jiġri minnhom. Bħalissa qed naħdem ħafna, qed nagħmel naqra mużika għat-teatru, vera qed nieħu gost. Das-sajf u għas-sena li ġejja ħa nagħmel mużika għal xi xogħlijiet u vera qed nispera li l-ideat li kienu qed iberrnuli f’moħħi jerġgħu jibdew joħorġu. Bħalissa qed nimxi ħafna, immur il-Ħamrun ħafna, u qed nipprova npoġġi f’din l-atmosfera. Nixtieq niftaħ aktar kollaborazzjonijiet. Ovvjament jien ma nista’ nagħmel xejn waħdi— bħalma ħadd ma jista’ jagħmel xejn waħdu—u l-kollaborazzjoni hija element essenzjali għad-dibatti dwar dawk l-ideat li nixtieq niftaħ. Diġà għandi ftit xogħol kollaborattiv mibdi, minn hemm u minn hawn, issa naraw u mbagħad meta jkolli xi ħaġa li tibda teċitani aktar, nibda niftaħha u m’hemmx isbaħ milli tiftaħ ix-xogħol tiegħek għall-vuċi ta’ xi ħaddieħor. Jiġifieri dik ma nixtieqx nitlifha. Ma nistax nitlef ix-xogħol kollaborattiv, jekk hux fil-mużika jew fit-Teatru. »


    https://aphroconfuso.mt/noah-fabri-poddata-2026-10-20-noti-editorjali-14-noah-fabri/

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    44 min
  • Marta Marta (silta) - Sibt il-Mistrieħ - Loranne Vella

    « Ir-raqda, nhar ta’ Sibt, Dolores tibdieha mal-qawmien, għax nhar ta’ Sibt filgħodu Dolores ma tqumx, la tistenbaħ man-noti tal-qniepen għax il-qniepen ma jdoqqux, la tqum mir-raqda, la tqum mis-sodda, la tinżel isfel għall-fatra. Ma tiltaqa’ la ma’ Concetta, la ma’ Beneditta, la ma’ Marija Assunta, la ma’ Carmelina, la ma’ Marwa, la ma’ Nathaline, la ma’ ħadd minn ġewwa, la ma’ ħadd minn barra. Illum is-Sibt ma tara lil ħadd, la tara lil Damjan u lanqas taħseb fih. Illum la tqum titmattar, la tmur tbaħbaħ wiċċha, la kikkra te u lanqas kafè, la ħobż, la ċikkulatina, la sigarru bil-bokkin u lanqas mingħajru. Nhar ta’ Sibt bilkemm titħarrek mis-sodda, la tiftaħ għajnejha biex tara u lanqas widnejha biex tisma’, la tgħolli l-friex, la tiftaħ il-purtieri beraħ, la tiftaħ bibien ta’ armarji u lanqas kxaxen ta’ gradenzi, la tinża’ ħwejjiġha tas-sodda, la tilbes ilbies, la ħwejjeġ, la kostumi, la xinxilli u lanqas dehbijiet, la tħares fil-mera, la tomxot xagħarha, la tħammar ħaddejha u lanqas xufftejha, la terra, la fwieħa, la krema, la kulur; illum is-Sibt u rtokk ma jmurx. Nhar ta’ Sibt ma taħsibx la dwar ilbieraħ, la dwar għada u inqas u inqas dwar illum għax illum mhi se tagħmel xejn, mhu se jiġri xejn, mhi se tqis, mhi se tfassal, mhi se tqasqas, mhi se ġġarrab xejn. Illum is-Sibt jum il-mistrieħ, mistrieħ il-ġisem, serħan il-moħħ. Illum is-Sibt waħedha ma’ ħsibijietha imma lanqas dawk mhi se jkollha, la se taħseb, la se tħejji, la se thewden, la se toħlom, la se timla moħħha bi ħsieb u lanqas se tbattlu minn ieħor, illum is-Sibt, illum ma tagħmel xejn, ma jiġri xejn. Illum Dolores mhi xejn, la hi bint, la hi oħt, la hi omm, la hi Madre, ma hi xejn għax illum is-Sibt. Nhar ta’ Sibt ma tħabrikx, ma tgħaġġilx, sa tard la torqod u lanqas tqum. La tiekol, la tixrob, illum xejn minn dan. Nhar ta’ Sibt ma jħabbtilha ħadd, jekk iħabbtu ma tiftaħ lil ħadd »


    Silta minn Marta Marta ta’ Loranne Vella, pubblikazzjoni Aphroconfuso 2026, it-tieni edizzjoni, edizzjoni komunitarja bil-parteċipazzjoni ta’ fatima a.m., Raylene Abdilla u Davinia Hamilton.

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    6 min
  • Ommi Saret id-Dawl Fiddien - Miriam Galea

    Ommi saret għasfur magħdur

    bilkemm titrejjaq,

    tgħid biss ftit kliem

    wiċċha ċkejken,

    għajnejn lubien.

    ...


    kompli aqra l-poeżija fuq Aphroconfuso:

    https://aphroconfuso.mt/miriam-galea-ommi-saret-id-dawl-fiddien/


    Ommi saret il-qamar (Ma mere est devenue la lune) tagħmel parti minn Għadajjar Għajnejja: Ebbs and Flows, wirja ta’ Miriam Galea fil-Malta Society of Arts bejn it-22 ta’ Ottubru u t-12 ta’ Novembru 2026.

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    3 min
  • Sal-Għasfur Isib Fejn Jgħammar - Nathan Anthony Pace

    « Imxejna tul il-ġnien infittxu post iżolat. Qalli li nofsu Taljan u iktar ħawwadni, donni kont se nġarrab it-temmija ta’ nofs intimità ma’ Sqalli li r-rabta etimoloġika bejn amuri u amicizzia kien studjaha sew u għamilha l-missjoni ta’ ħajtu li jirxuxtaha, dak li meta tlaqt mid-dar għamel lejl jgħannaqni f’soddtu ta’ ħbieb li konna. Imxejna ftit iktar u nżilt eqreb tas-sur. Iltqajt ma’ post li donnu kien imħejji għalina, santwarju ta’ siġar bil-friegħi mgħaqqdin f’xulxin, żewġ ġebliet f’għamla ta’ taraġ fejn noqogħdu bilqiegħda, il-kamra ta’ ġewwa fejn tinżamm l-arka li mhux kulħadd ipprivileġġjat li jidħol ħdejha, artal li fuqu jinqatel l-ismen ħaruf għall-glorja tal-erotiċità. Mort niċċekkja kinux ġejjin nies u waqafna quddiem xulxin. Qrobna pass u tbewwisna. Minn issa l-verġinità tal-pjaċir, dik il-verġinità li kont għadni ma ħlistx minnha għad li kont tlift lil oħtha iktar inkejjuża, kienet se tintrefa’ fil-passat. »


    Noti: Hélène Cixous titkellem dwar il-falloċentriżmu f’diversi mill-kitbiet tagħha, partikolarment f’La jeune née, pubblikazzjoni Union Générale d’Editions 1975, disponibbli għas-self mill-Internet Archive. Jien qrajt “La Jeune Née: An Excerpt”, maqlub għall-Ingliż minn Meg Bortin, f’Diacritics, vol. 7, nru 2, 1977. Dwar il-hom(m)osexualité qrajt Ce sexe qui n’en est pas un (Les Éditions de Minuit 1977) ta’ Luce Irigaray fit-traduzzjoni ta’ Catherine Porter u Carolyn Burke, This Sex Which Is Not One, pubblikazzjoni Cornell UP 1985. Ta’ Mario Mieli qrajt Elementi di critica omosessuale (G. Einaudi 1977) fit-traduzzjoni ta’ David Fernbach u Evan Calder Williams, Towards a Gay Communism: Elements of Homosexual Critique, pubblikazzjoni Pluto Press 2018. Il-frażi “Arani għarwien” ħadtha minn “Profetika” u “Natura Morta” ta’ Doreen Micallef f’Doreen Micallef: Il-Poeżiji, editjat minn Victor Fenech, pubblikazzjoni L-Akkademja tal-Malti u Klabb Kotba Maltin, 2015. Għas-sentenza “Nibda naħseb li tarani sabiħ imma / mhux għalkollox” tnebbaħt minn “Il-Kantiku tad-Dipressi” t’Immanuel Mifsud f’Bateau Noir, traduzzjoni għall-Franċiż ta’ Nadia Mifsud, Edizzjonijiet Emmadelezio 2011. Il-frażi “bil-balzmu u l-misk” ħadtha minn “Larinġ biż-Żahar” ta’ Mary Meylak f’Villa Meylak (Ġonna ta’ Kulħadd), pubblikazzjoni ta’ Salesian Press 1947. Għax-xbieha tal-gawwi tnebbaħt minn Marjanu Vella f’poeżiji mifruxin f’bosta kotba maħruġa matul il-karriera letterarja tiegħu.


    Dan ix-xogħol beda jinkiteb waqt il-workshops tal-kitba tal-esej personali, “Ġisem, Ġrajja, Post”, f’Novembru 2025, immexxija minn Adrian Grima bħala parti mill-proġett Essays Beyond Borders.


    https://aphroconfuso.mt/nathan-anthony-pace-sal-għasfur-isib-fejn-jgħammar/

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    19 min
  • Noti Editorjali: Kurt Borg

    « Naħseb li din hija tema importanti, hija kważi djalettika jew tensjoni bejn l-individwalità li titlob il-kitba u l-kollettività tal-grupp u tal-attiviżmu. Jien naħseb li hemm tensjoni importanti bejniethom, jiġifieri t-tnejn iżommuni ankrat b’modi varji. Jekk jiena nkun inkwetat dwar l-arroganza tal-ewwel persuna speċi nipprova nserraħ il-kuxjenza u ngħid li l-attiviżmu iktar kollettiv, mhuwiex dwari. Niltaqa’ ma’ nies li jaħdmu verament fi spirtu ta’ kollettività minkejja li kultant il-midja, il-ġurnaliżmu, jiffukaw fuq individwu partikolari għax għandhom bżonnu għall-istorja. Imma fil-verità l-attiviżmu grassroots ma jaħdimx hekk. U lanqas l-esej. Għalkemm fl-esej jiena nużah l-ewwel persuna; m’iniex wieħed minn dawk li niddejjaq mill-pronom. Nużah anzi, għaliex nuża l-ewwel persuna mhux biex nistabbilixxi lili nnifsi bħala elevat imma, anzi, għax l-unika ħaġa li nista’ ngħid b’ċertezza hija dwar l-ewwel persuna u mbagħad jekk dak li qed ngħid japplika lil hinn, tajjeb. Imma mhux ħa nassumiha minn qabel. Jekk fil-kitba inkun qiegħed nitqabad ma’ din l-arroganza, l-attiviżmu jtini l-antidotu, il-bilanċ. Għalkemm inħobb ngħid li l-esej huwa dwari, fil-fatt huwa dwar l-influwenzi tiegħi, dwar il-fatturi li infurmawni. L-esejiżmu li jinteressani huwa dak li jiftaħ, li huwa dwar il-jien li, waqt li qed tiktbu huwa diġà plurali, il-jien immultiplikat. Bħall-attiviżmu. Għax l-attiviżmu jmur lil hinn mill-idea tal-jien attivist. L-attiviżmu qawwi u sabiħ għaliex huwa esperjenza li tiftħek u ġġiegħlek tinduna li l-esperjenza tal-grupp qed iġġibek xi ħaġa oħra. Jekk qed nemmen fit-trasformazzjoni soċjali u politika, dik ħa tinvolvi trasformazzjoni individwali, u daqstant ieħor il-kitba. L-esej għalija huwa trasformattiv litteralment għax jiena naf li dil-kitba tibdilni b’mod radikali u b’mod profond ħafna fuq livell importantissimu. L-“essayer” huwa dan. Jiġifieri anki jekk qed nikteb fuq il-passat, dan mhux biex naqbdu bħal ritratt, b’mod l-iktar preċiż, lanqas xejn. L-esej qed jaqbad il-proċess, huwa proċesswali fih innifsu. Inħossu jirrifletti ħafna l-l-proċess veru li nkun għaddej minnu jiena u nikteb. Għalija l-esejiżmu huwa eżerċizzju personali, dak li Foucault u oħrajn isejħulu askēsis. Mhux askēsis fejn tirrinunzja lilek innifsek (jiġifieri l-axxetiżmu, kif imbagħad evolviet il-kelma) imma axxetiżmu bħala eżerċizzju li jħalli l-innifsi jittrasforma, jifforma, kultant idewwi. Biex tittrasforma u tinbidel jeħtieġ li tagħmel forma ta’ paċi ma’ dak li għaddejt minnu, jew tinsieh b’mod partikolari, u dak huwa proċess formattiv u kreattiv finalment. »


    https://aphroconfuso.mt/kurt-borg-poddata-2026-10-12-noti-editorjali-13-kurt-borg/

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    47 min
  • Pollakki ta’ Chełmno - Glorianne Micallef

    « Fl-2024 ktibt lil Roberta Metsola, użajt dak li ħsibt li naf fuq kif jaħsbu u jaġixxu l-politikanti, stħajjiltni xi manipulatriċi prima. Kienet għadha kif ġiet rieletta fil-Parlament Ewropew u kkonfermata bħala l-President. Semmejtilha lilek, li għadek tarbija, fuq kif irrid li Metsola tkun ta’ mudell għalik ’il quddiem, bħala mara Maltija li laħqet fi rwol influwenti u influwenzat fis-sewwa. Fuq kif twaħħaxt nara, fuq X, ritratti ta’ trabi maqtulin, maħruqin, maħlulin, inkella ta’ trabi ħajjin imma b’partijiet minn ġisimhom nieqsa, jew ta’ ommijiet ħajjin, imma jixhru ’l uliedhom mejtin. Metsola weġbitni, hi jew probabbli xi ħadd mit-team tagħha. “I will always keep doing everything in my power to make you and your daughter proud.” »


    https://aphroconfuso.mt/glorianne-micallef-pollakki-ta-chełmno/

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    21 min
  • “siġra tal-lewż” - Jasmine Bajada

    għażiża poeta,

    meta nkun qed insuq u ninnota,

    għall-ewwel darba, is-siġar tal-lewż

    mogħni bil-fjur roża, inħossni

    nimtela — se nfur — bix-xewqa

    li nikteb din ix-xbieha. mhux hekk

    nixtiequ mill-poeżija?


    ... kompli aqra “siġra tal-lewż” fuq https://aphroconfuso.mt/jasmine-bajada-siġra-tal-lewż/


    “siġra tal-lewż” ta’ Jasmine Bajada hija meħuda mill-ktieb tagħha Ittri lil Poeta Żagħżugħa, pubblikazzjoni Aphroconfuso 2026. It-tnedija se ssir fil-5:30pm, nhar is-Sibt, 7 ta’ Novembru 2026 fis-Sala tal-Qarrejja waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026.

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    2 min
  • Fejn Ħallejtha r-Rota Meta Ħrabt? - Karl Schembri

    « L-immaġni tar-raġel bir-rota baqgħet f’moħħi għal snin twal mindu pproċessajtha u kienet ippubblikata. Meta faqqgħet il-gwerra fuq l-Ukrajna, reġgħet feġġet lura f’moħħi b’iżjed qawwa. X’sar minnu dal-proxxmu bla isem? Fejn mar bir-rota, dat-teżor żgħir imħolli lilu f’nofs dil-ħerba? U kienet proprju din l-immaġni f’moħħi meta ktibt “Fejn ħallejtha r-rota meta ħrabt?” X’sar minnu dar-raġel, u hemm xi ħadd li jimpurtah? Il-ġenerożità lejn ir-refuġjati Ukreni filwaqt li l-Ewropa tkompli tibni l-ħitan tal-fortizza kontra kulħadd, tfakkarna fil-barbariżmu tal-mexxejja tagħna. B’din il-poeżija, u l-oħrajn kollha miġbura hawn, ridt infakkar lill-mexxejja tagħna f’dan ir-raġel anonimu miexi bir-rota, li jista’ jmut bħala konsegwenza tad-deċiżjonijiet tagħhom. »


    Ir-ritratti msemmija f’dan ix-xogħol jinsabu fuq il-website.


    https://aphroconfuso.mt/karl-schembri-fejn-ħallejtha-r-rota-meta-ħrabt-/

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    24 min
  • Siġra bil-Frott - Nathan Anthony Pace

    Din il-poeżija hija reazzjoni għall-pittura Fruit Tree ta’ Harold Ancart f’wirja dwar Milton Avery u l-influwenza tiegħu fuq artisti kontemporanji.


    https://aphroconfuso.mt/nathan-anthony-pace-siġra-bil-frott/

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    2 min
  • Distanzi Twal - Jean Paul Borg

    « L-esklussività tad-dinja tal-baħar fissret solitudni aktar intensa, u aktar kemm ikun fond aktar tintensifika. Il-baħar baxx, il-qiegħ tista’ tmissu b’saqajk speċjalment fil-bidu ta’ xi bajja, jistieden lin-nies, jagħmlu aktar aċċessibbli, kważi kważi anki jekk ma tafx tgħum. Għandu element ta’ frivolità, huwa parti minn bajja, jistieden il-logħob bil-ballun, taf ukoll li tista’ ddawwar denbek xħin trid u ssib ruħek fuq l-art, soda. Saħansitra tista’ tieħu r-ritratti bil-mobile mingħajr ma xxarrbu għax tista’ ma tintelaqx fih. Ix-xemx tibqa’ għaddejja sal-qiegħ, il-baħar jinħass aktar ċar, jibqa’ trasparenti, u fih m’hemmx wisq fejn tistaħba. Lanqas tista’ timmaġina x’hemm taħtek, kollox mikxuf. Ma jħallilekx misteru. Lanqas biża’. Il-baħar fond, imbagħad, jippermetti l-ikħal jintensifika, u jilgħab il-logħba ta’ kuluri differenti bejn saff u ieħor. Iċekknek, u maċ-ċkunija tiżdied il-vulnerabbiltà. Fil-baħar fond, ċkejken, b’malja, goggles u arloġġ, tmur lura għal sens ta’ primittività. Kważi nud, kważi b’xejn. Il-mobile tħallih warajk. Il-kuntatt jinqatagħlek. Titgħaddas fl-ilma, issir parti minnu, issir suġġett għall-elementi, imqar żiffa taffettwak. Il-baħar, daqskemm żaqqu ratba, af xi drabi jrid jimlieha. Imma dal-ħsieb jibdel l-għawm f’logħba ta’ nkejja miegħu, u fl-istess ħin rispett. Meta titgħaddas fih trid iċċedi lilek innifsek għalih. Jekk jinqala’ intopp mhux se ċċempel; ma tistax iġġib taxi jekk tegħja, lanqas tista’ tordna flixkun ilma jekk jaqbdek l-għatx. Jerġa’ kif tkun, orizzontali flok vertikali, kważi ma tista’ ġġorr xejn miegħek. Sa ħwejġek li kont liebes qabel inżilt isiru vulnerabbli. Tħallihom warajk fuq ix-xatt, lil hinn minnek. La tmur lura taf ma ssibhomx. Fil-baħar, inti u hu biss. »


    https://aphroconfuso.mt/jean-paul-borg-distanzi-twal/

    Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

    29 min

About Aphroconfuso

From the publisher's feed

Aphroconfuso huwa ġurnal letterarju u dar tal-pubblikazzjoni bil-Malti, immexxija mill-awturi bla skop ta’ qligħ. Il-ġurnal huwa bla ħlas. Kull sena nipproduċu wkoll antoloġija stampata u kotba oħra…