Aphroconfuso

Jisimni Gianna - Loranne Vella


Listen Later

« Dwar il-korla tan-nannu ma’ wliedu sirt naf ħafna wara, wara li ommi mietet, meta z-ziju beda jiftaħ qalbu miegħi dwar it-tfulija tiegħu kull meta kont nistaqsih biex jiddeskrivili kif kienet ħajjithom meta kienu żgħar biex ikolli iktar ma’ xiex niggranfa ladarba ma stajtx nitkellem iżjed m’ommi. Irrakkuntali dwar id-dixxiplina iebsa li kellu missieru fuqu, dwar is-swat, l-umiljazzjoni, il-kliem kattiv. Għarrafni bi mġiba li waħħxitni għax m’għaraftx kif nista’ ngħaqqad l-istampa li dejjem kelli tan-nannu, li kien ifissed fina n-neputijiet u jittrattana ta’ prinċipessi u prinċpijiet, jixtrilna l-ħelwa tat-Tork u l-perlini kkuluriti kull meta kien jitla’ sal-Belt imbagħad jiġi d-dar iżurna, jew meta konna nqattgħu l-ġranet tal-festi għand in-nanniet u jsajrilna l-imbuljuta jew il-kokotina. Kien ix-xbieha li kont naħseb li għandu kulħadd ta’ nannuh. Imma qatt ma ppruvajt naħseb fih bħala missier huwa u jrabbi ’l uliedu fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, fi żmien il-bumbardamenti tal-gwerra, l-ewwel mit-Taljani mbagħad mill-Ġermaniżi, u l-biża’ mill-ġuħ fil-bidu tal-erbgħinijiet meta ommi kien għad kellha erba’ snin. Dawn l-istejjer li beda jgħidli z-ziju qatt ma kienet irrakkuntathomli ommi, avolja nimmaġina li hemm kienet tkun, jekk mhux fl-istess kamra żgur li fl-istess dar, meta nannuwi kien jerfa’ idu fuq ħuha jekk jaħsel jidhirlu li t-tifel għolla leħnu miegħu jew sfidah, meta kien jagħtih daqqtejn ċinturin kif xieraq fuq kuxxtejh, meta kien jgħajru u jobżoqlu f’wiċċu, lil ibnu stess, biex jurih x’jiġri meta iben lil missieru ma jurihx ir-rispett mistħoqq. »


https://aphroconfuso.mt/loranne-vella-jisimni-gianna/

Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.

...more
View all episodesView all episodes
Download on the App Store

AphroconfusoBy Aphroconfuso