
Sign up to save your podcasts
Or


« Nassoċja dawn il-postijiet mal-istejjer tan-nies, mal-attivitajiet tan-nies, u bdejna nisimgħu dawn l-istejjer fuq il-barriera stess. Waqt l-okkupazzjoni tal-militar Ingliż f’din il-barriera kien ukoll qed isir ix-xogħol tas-sess. Allura ħafna mit-tfal tal-lokal kienu jiġu mbeżżgħa biex ma jmorrux ’l hemmhekk u bdew jinbtu ħafna stejjer dwar l-erwieħ illi jinstemgħu jgħajtu billejl. Kulħadd għandu dawn l-assoċjazzjonijiet vera koroh u vera negattivi mal-post. Però mbagħad ovvjament bdejna nisimgħu l-istejjer ta’ min jgħidilna li splodiet bomba, li speċi waqt il-gwerra tefgħu bomba. U ta’ min jgħidilna, le, isma’, hemmhekk kien jintuża bħala bomb dump u waħda mill-bombi kienet ħaditilhom. Allura kelli ħafna mistoqsijiet. U bil-mixi fiżiku fil-pajsaġġ kif ukoll bil-mixi tar-riċerka bdejt nipprova nsolvi dawn il-mistoqsijiet. Ċerti affarijiet fil-fatt baqgħu misteri kważi sal-aħħar minuta u fil-verżjonijiet li huma ppubblikati online kien għad ma kellniex ċerti indizzji li ġew wara, u li issa qegħdin fil-ktieb. »
It-tnedija ta’ Bur Mgħeż saret fit-3 ta’ Lulju 2026 fl-Imsida Bastion Cemetery, Beltissebħ.
https://aphroconfuso.mt/kotba-omar-nshea-bur-mgħeż/
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.
« Karozza ibrida hija newtrali. L-ibridu bla ħoss, l-ibridu ma tistax tbagħbas fih. Bl-ibridu x’tagħmel? Tista’ twaħħallu sticker mit-Temu mal-ġenb. Jiġifieri ma tantx tista’ eżattament tagħmlu tiegħek bħalma stajt iġġib spanner u tiftaħ il-karburatur tal-magna tal-karozza li għadek kif ġibt u tara x’jiġri. Jiġifieri hemm ħafna inqas intrużjoni fuq il-karozzi l-ġodda. Biss, qegħdin naraw nies illi kibru ossessjonament jilagħbu logħob, bħal GTA, li jigglorifika l-kultura tal-karozzi ħafna iktar minn kemm aħna konna noħolmu, fid-disgħinijiet, li ħa nixtru l-famuż Escort. Il-kultura tal-karozzi sabet modi oħra kif tinfilsa u kif tinfiltra, u forsi anka meta tara ċertu aċċidenti spettakolari li seħħew dan l-aħħar żmien fit-toroq tagħna, qishom ġejjin minn video game. Mhux qed ngħidu żewġ ġuvintur li kienu qed isuqu u daħlu ġo arblu. Hemm ħafna iktar manuvrar ukoll ġej mill-fatt li l-karozzi llum il-ġurnata huma ħafna iktar kumplessi: l-ispeed li jitla’ fi żmien qasir ħafna huwa eċċezzjonali. Ovvjament, għalkemm għandek element elettroniku, xorta hemm metodu ta’ kif wieħed jista’ jagħmel ir-remapping u kif jista’ jestendi s-saħħa tal-magna. Modi dejjem ikun hemm, sempliċiment mhux daqshekk aċċessibbli għal kulħadd. Irid ikollok ħafna iktar technical know-how. Mhijiex sempliċiment ejja nbagħbsu ftit mal-magna u mbagħad naraw x’jiġri. Trid tkun taf iktar x’qed tagħmel, toħodha għand xi ħadd illi jaf x’inhu jagħmel. Qisu l-element DIY, għalkemm għadu hemm, mhuwiex daqshekk possibbli daqskemm kien b’magni ħafna iktar sempliċi. »
https://aphroconfuso.mt/ryan-falzon-poddata-2026-06-17-noti-editorjali-12-ryan-falzon/
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.
« Dwar il-korla tan-nannu ma’ wliedu sirt naf ħafna wara, wara li ommi mietet, meta z-ziju beda jiftaħ qalbu miegħi dwar it-tfulija tiegħu kull meta kont nistaqsih biex jiddeskrivili kif kienet ħajjithom meta kienu żgħar biex ikolli iktar ma’ xiex niggranfa ladarba ma stajtx nitkellem iżjed m’ommi. Irrakkuntali dwar id-dixxiplina iebsa li kellu missieru fuqu, dwar is-swat, l-umiljazzjoni, il-kliem kattiv. Għarrafni bi mġiba li waħħxitni għax m’għaraftx kif nista’ ngħaqqad l-istampa li dejjem kelli tan-nannu, li kien ifissed fina n-neputijiet u jittrattana ta’ prinċipessi u prinċpijiet, jixtrilna l-ħelwa tat-Tork u l-perlini kkuluriti kull meta kien jitla’ sal-Belt imbagħad jiġi d-dar iżurna, jew meta konna nqattgħu l-ġranet tal-festi għand in-nanniet u jsajrilna l-imbuljuta jew il-kokotina. Kien ix-xbieha li kont naħseb li għandu kulħadd ta’ nannuh. Imma qatt ma ppruvajt naħseb fih bħala missier huwa u jrabbi ’l uliedu fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, fi żmien il-bumbardamenti tal-gwerra, l-ewwel mit-Taljani mbagħad mill-Ġermaniżi, u l-biża’ mill-ġuħ fil-bidu tal-erbgħinijiet meta ommi kien għad kellha erba’ snin. Dawn l-istejjer li beda jgħidli z-ziju qatt ma kienet irrakkuntathomli ommi, avolja nimmaġina li hemm kienet tkun, jekk mhux fl-istess kamra żgur li fl-istess dar, meta nannuwi kien jerfa’ idu fuq ħuha jekk jaħsel jidhirlu li t-tifel għolla leħnu miegħu jew sfidah, meta kien jagħtih daqqtejn ċinturin kif xieraq fuq kuxxtejh, meta kien jgħajru u jobżoqlu f’wiċċu, lil ibnu stess, biex jurih x’jiġri meta iben lil missieru ma jurihx ir-rispett mistħoqq. »
https://aphroconfuso.mt/loranne-vella-jisimni-gianna/
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.
Jimmy Grima jitkellem ma’ Joe Gatt, waqt din l-edizzjoni ta’ Noti Editorjali, dwar it-traġitt tiegħu mit-teatru għall-esej, dwar ir-riċerka għal xogħol performattiv, kif ukoll għal kitba esejistika u għal dik akkademika. Ukoll dwar it-traġitt tiegħu mit-teatru f’Malta għal dak fin-Netherlands u issa għal darb’oħra lura Malta bħala parti mill-kollettiv Rubberbodies. Jimmy jitkellem ukoll dwar l-importanza tal-memorji fir-riċerka li jagħmel, kemm dawk li jinsabu bħala kitbiet fl-arkivji u wkoll dawk li jinżammu ħajjin fit-tifkiriet tan-nies. Jgħid kif ħafna drabi jibda minn dawk li huma l-eqreb tiegħu, ġieli mill-membri tal-familja tiegħu u mbagħad jimraħ dejjem iktar ’il barra b’mod li fir-riċerka tiegħu jkollu minn tal-inqas żewġ timelines, il-personali u l-komunitarju.
https://aphroconfuso.mt/jimmy-grima-poddata-2026-06-07-noti-editorjali-11-jimmy-grima/
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.
Fit-23 ta’ April, fiċ-Ċentru għall-Kultura, Edukazzjoni u Informazzjoni f'Ħ’Attard, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb kellna taħdita dwar Qarn ta’ Romeo Roxman Gatt, li din is-sena qed jiġi meqjus għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tal-letteratura mhux fittizja.
Jiddiskutu dan il-ktieb waqt is-serata kien hemm Joe Gatt, Kurt Borg u Omar N'Shea. Niki Young immodera.
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.
Beverly Agius f’taħdita ma’ Loranne Vella waqt it-tnedija tar-rumanz Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress li saret fl-10 ta’ April fil-kwartieri tal-Friends of the Earth Malta.
https://aphroconfuso.mt/kotba-loranne-vella-travi-taċ-Ċedru-saqaf-taċ-Ċipress/
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.
Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress se jiġi ppubblikat fl-10 ta’ April 2026.
It-tnedija se ssir fis-7pm fil-kwartieri tal-Friends of the Earth Malta, Xatt iċ-Ċangatura, il-Furjana. Ordna l-ktieb minn fuq il-website u ejja iġbru waqt it-tnedija.
F’nofs ħajjitha, mara titlaq mill-belt bi ħsibijietha u b’tifkirietha. Tmur lura s-snin ta’ ħajjitha, u s-snin kollha tal-ġnien li darha nbniet fuqu, sakemm dan ma jkunx biżżejjed u pass wara pass, riġlejha joħduha fuq pellegrinaġġ tul ix-xmajjar u qalb is-siġar u l-ħxejjex. Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress jirrakkonta t-tfittxija għall-maqdes u għall-masġar li ġie qablu, il-mixi fit-tul taħt id-dawl tax-xemx u tal-qamar hi u tfittex pajjiż il-Kukkanja ’l bogħod mill-bliet.
Travi taċ-Ċedru Saqaf taċ-Ċipress huwa r-raba’ rumanz ta’ Loranne. Għal tnejn mir-rumanzi preċedenti tagħha, Rokit u Marta Marta, rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb .
It-tnedija se ssir fis-7pm fil-kwartieri tal-Friends of the Earth Malta, Xatt iċ-Ċangatura, il-Furjana. L-eqreb waqfiet tal-linja huma Sarrija u Floriani A, B, C. Ordna l-ktieb u ejja iġbru waqt it-tnedija.
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.
« Naħseb li r-reliġjon hija t-tieni lingwa tiegħi, illum. Il-Malti, imbagħad ir-reliġjon. ’Qas l-Ingliż. Għax nikbru fihom, u tant kont involut fil-Mużew. Kienet esperjenza pożittiva ħafna għalija. L-allużjonijiet bibliċi, pereżempju t-teoloġija, il-morali, id-duttrina, id-dommatika, dawn l-affarijiet nafhom u nitkellem bihom. Ix-xbihat noħodhom mir-reliġjon anki fil-kitba letterarja tiegħi. Noħodhom mir-reliġjon ħafna drabi u narahom li jartikolaw esperjenza kemm reliġjuża kif ukoll sekulari u esperjenza korporja. Jiġifieri għalija r-reliġjon hija lingwa oħra li jien fluwenti fiha daqskemm jien fluwenti fil-Malti. Kien hemm żmien kont inħossni apatetiku, speċi la nemmen li eżisti Alla u lanqas ma nemminx, għax qisu ma jinteressanix, imma mbagħad erġajt ġejt Malta wara l-Islovakkja u kumbinazzjoni rġajt iltqajt mar-reliġjon fil-forma ta’ dramm dwar David u Ġonatan u għedt, dil-istorja vera tolqotni, speċi fl-istorja vera hemm jien fiha. U għedt ħa nipprova, u qisu dħalt għar-reliġjon, imma kien avviċinament ġdid, li nitgħallem iktar dwar il-Bibbja. Kif sibt f’“nonfoħ fil-kustilja allużjonijiet ġodda” ftit xhur qabel, għax dak iż-żmien kont qed naħseb fuq il-Bibbja, il-Bibbja dejjem hija sors ta’ ispirazzjoni għalija, sors ta’ xbihat, sors ta’ figuri illi internalizzajniehom, u li għalhekk jiksbu għalina sinifikat emottiv qawwi. Jien naħseb li sakemm toħroġ mill-elementi l-ħżiena tar-reliġjon, mill-kundizzjonament, meta titgħallem toħroġ minnhom u tavviċina r-reliġjon minn perspettiva oħra titgħallem ħafna ħafna iżjed u titgħallem dwar ir-reliġjon ukoll. Jiena avviċinajt ir-reliġjon mill-ġdid minn perspettiva queer u femminista, perspettiva ekoloġika, għax kelli dan l-isfond f'moħħi. Allura nista’ naviċina r-reliġjon mod ieħor. Nista’ ngħix ir-reliġjon b’mod queer, b’mod immedjat. »
https://aphroconfuso.mt/nathan-anthony-pace-poddata-2026-01-28-noti-editorjali-10-nathan-anthony-pace/
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.
« Inħoss li għandi approċċ sensorjali ħafna jiġifieri mhux ħa nippjana wisq minn qabel imma nsegwi l-istint. Pjuttost proċess awtomatist. Fit-teatru tbegħidt ftit mill-iscripts li titgħallem u tagħmel quddiem in-nies, u mort iktar lejn teatru li jinbena minn proċess ta’ improvizzazzjoni li mbagħad toħloq performance minnu, u l-istess approċċ għandi għall-kitba u għall-arti. Nipprova nsegwi l-proċess u mhux nippjana minn qabel x'se jsir. Inħalli lili nnifsi nispira ruħi minn x'joħroġ waqt li qed naħdem. F’dak is-sens, iva, imbagħad jirriżulta ferm iktar imġissem. »
https://aphroconfuso.mt/miriam-galea-poddata-2026-01-22-noti-editorjali-9-miriam-galea/
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.
« Dak inqisu l-punt tat-tluq tar-riċerka tiegħi, il-problema li hawn bħalissa bl-iżgumbrament tal-bdiewa, jiġifieri din hija xi ħaġa li bdiet primarjament minn żmien il-Covid. Qisha faqqset dak iż-żmien però issa qed naraw li qed tikkalma ftit is-sitwazzjoni. Il-bdiewa litteralment qed jiġu żgumbrati minn arthom biex jinħoloq post għal żvilupp. Din tbeżżagħni ħafna. Nafu sew li l-prezzijiet tal-art agrikola hawn Malta huma m'ogħla s-sema, huma ftit mill-ogħla, jekk mhux l-ogħla, fl-Ewropa. U nafu sew li aħna gżira żgħira, l-insularità tinħass f'kulma nagħmlu. Fl-ikel donna nħossuha ftit imma donnha għadha ma waslitx fejn għandha tasal. Il-fatt li l-art agrikola kuljum qed tonqos u tonqos mhux talli qed iżidilna d-dipendenza fuq pajjiżi oħrajn li jipprovdulna l-ikel tagħna imma qed inaqqas mill-possibbiltà li nistinkaw u niddiskutu s-sovranità tal-ikel. Is-sigurtà u s-sovranità jaħdmu flimkien però mhumiex neċessarjament dipendenti fuq xulxin. Għandhom jiġu kkunsidrati bħala żewġ kunċetti differenti, jiġifieri l-fatt li m'aħniex konxji li art agrikola ma tantx fadlilna, jew il-fatt li mhux qed ikollna dil-konverżazzjoni iktar fit-tul jew iktar fil-wisa'... Hawnhekk jidħol il-kunċett tas-sovranità. Li jkun hemm bżonn li tinnova jew li tadatta l-identità tal-ikel tiegħek hija coping mechanism, fis-sens hija xi ħaġa li għandna obbligu li nagħmlu għax, jekk ħa nibqgħu sejrin hekk, ir-rabta li għandna mal-ikel iktar u iktar se tkompli tintilef. Jiġifieri, fuq livell ta’ individwu nerġa' ngħid, hija l-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu, nibnu relazzjoni mal-bdiewa tagħna u ngħidulhom, isma', aħna hawn qegħdin, nafu minn xiex intom għaddejjin u nismgħukom qegħdin... Ovvjament fuq livell iktar għoli, fuq livell ta' policy, din il-ħaġa trid tiġi indirizzata b'mod li jolqot oqsma differenti, il-kultura, l-ilma, il-wirt, x'naf jiena. Però, ma nixbax ngħidha, ibnu relazzjoni mal-bdiewa tagħkom kellmuhom. Qattgħu l-ħin magħhom, ħudu kafѐ magħhom, u minn hemm vera nkunu nistgħu nifhmu l-ikel x'inhu, l-ikel tagħna x'inhu, l-identità tagħna x'inhi, u fejn sejjer dan kollu. Ovvjament dan id-diskors hemm marbut miegħu d-diskors tas-saħħa, kemm is-saħħa tagħna, li tiddependi ħafna minn minn dak li nieklu, kif ukoll is-saħħa tal-art—jekk l-art hija fertili, qed tħaddimha, qed tkabbarha, qed iżżommha b'saħħitha u tista' tibqa' b'saħħitha għall-futur. »
https://aphroconfuso.mt/nicole-borg-poddata-2026-01-13-noti-editorjali-8-nicole-borg/
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.
From the publisher's feed
Hosted on Acast. See acast.com/privacy for more information.